STRATEĠIJA U PJAN TA' AZZJONI DWAR L-INTEGRAZZJONI
L-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni (2025-2030) hi t-tieni Strateġija f’dan is-settur, wara dik tal-2017, li permezz tagħha bnejna fuq sisien sodi l-istrutturi meħtieġa, bdejna nressqu lejn il-ħidma tagħna r-riżorsi meħtieġa, u bdew jingħataw is-servizzi tal-programm “I Belong,” il-programm nazzjonali tal-integrazzjoni.
Din l-Istrateġija ġdida tidħol iktar fid-dettall ta’ diversi rakkomandazzjonijiet relatati mal-integrazzjoni li jinsabu elenkati fid-dokument tal-Malta Labour Migration Policy.
L-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni (2025-2030) kienet preċeduta minn konsultazzjoni pubblika wiesgħa li saret matul ix-xahar ta’ Ġunju tal-2023.
Punti Ewlenin
Ristrutturar u riforma tal-programm nazzjonali tal-integrazzjoni “Nappartjeni”.
Dan il-programm diġà qeda l-bżonnijiet ta’ eluf ta’ persuni, iżda issa jeħtieġ jikber u jkun aktar effiċjenti sabiex jinkludi l-miżuri tal-integrazzjoni ta’ qabel it-tluq li se jkunu mandatorji.
Il-perjodu ta’ stennija għandu jonqos aktar sabiex dawk li għandhom bżonn jagħmlu użu minnu, ma jeħlux fis-sistema. Għal dan il-għan:
se jsiru l-emendi legali neċessarji
se nżidu n-numru ta’ istituzzjonijiet edukattivi li se joffru s-servizzi fit-tieni stadju ta’ “Nappartjeni”, u
se ninvestu iktar fl-użu tat-teknoloġija bil-għan li s-servizz ikun tal-ogħla kwalità.
Dan kollu jeħtieġ ħafna riżorsi. Minbarra l-finanzjament nazzjonali, id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem se jmexxi proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja ta’ madwar sitt miljun Ewro.
Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-governanza tal-integrazzjoni huwa meħtieġ u imprezzabbli, u għal dan il-għan se jinħatar Kunsill Konsultattiv dwar l-Integrazzjoni u Kontra r-Razziżmu. Ir-rwol ewlieni tal-Kunsill Konsultattiv se jkun li, fi spirtu kollaborattiv, jipproponi policies u servizzi fis-settur.
Fis-snin li ġejjin, ir-rwol tad-Direttorat għad-Drittijet tal-Bniedem se jkun ukoll ta’ “One-Stop-Shop” b’servizzi kemm diġitali kif ukoll in-person, biex ikunu ta’ għajnuna konkreta għall-klijenti. Dan se jsir permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ servizzi mainstream, ma’ servizz.gov, u ma’ oħrajn speċjalizzati, u bl-involviment ta’ medjaturi kulturali. Barra minn hekk, se tkun disponibbli hotline apposta biex tipprovdi servizzi ta’ interpretazzjoni fil-lingwi primarji mitkellma mill-popolazzjoni tal-migranti.