TAQSIMIJIET

Taqsima għall-Integrazzjoni u Kontra r-Razziżmu

It-Taqsima għall-Integrazzjoni u Kontra r-Razziżmu toffri appoġġ lis-soċjeta’ sabiex kull persuna, irrispettivament mill-isfond nazzjonali u/jew etniku tkun tista’ tgawdi d-drittijiet fundamentali tagħha f’pajjiżna. Dan isir permezz ta’ ħidma mid-Direttorat u l-imsieħba tiegħu biex titkattar l-integrazzjoni inklussiva u l-anti-razziżmu effettiv.
Biex twettaq il-mandat tagħha, it-Taqsima tikkoordina l-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni (2025–2030) u l-Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni kontra r-Razziżmu (NAPAR) (2025-2030).
It-Taqsima tmexxi ukoll il-programm ‘I Belong’: il-programm nazzjonali ta’ integrazzjoni. Il-korsijiet jissodisfaw parti mir-rekwiżiti għall-iStatus ta’ Residenza fit-Tul f’Malta.
It-Taqsima tinsab fil-fażi inizjali ta’ ħidma biex f’Malta ikollna l-ewwel Ċentru Nazzjonali ta’ Appoġġ għall-Integrazjoni (NISC), li se jservi bħala punt uniku ta’ servizz komprensiv biex joffri servizzi integrati u essenzjali għall-integrazzjoni tal-migranti.
L-inizjattivi tat-Taqsima huma wkoll appoġġjati mill-proġett ‘Supporting Pre-Integration Governance’ (SPRING), iffinanzjat mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF).

Taqsima tal-Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi tas-Sess (SOGIGESC)

It-Taqsima SOGIGESC tmexxi l-politika tal-Gvern dwar l-ugwaljanza LGBTIQ+ u taħdem biex tiżgura li l-prinċipji tal-inklużjoni, id-dinjità, u r-rispett jiġu integrati fis-setturi kollha tas-soċjetà.
Permezz ta’ kollaborazzjoni strateġika ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, it-Taqsima tavvanza inizjattivi li jindirizzaw oqsma ewlenin bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-anzjani, id-diżabilità, l-ażil, il-pulizija, is-settur pubbliku, il-midja kif ukoll sforzi biex tiġi promossa l-ugwaljanza LGBTIQ+ madwar id-dinja.
It-Taqsima SOGIGESC hija responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza LGBTIQ+ (2023–2027), li tafferma mill-ġdid l-impenn tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem li jilħaq lill-individwi kollha – speċjalment dawk fil-marġini tas-soċjetà.
Billi jaqsam prattiċi tajba ta’ Malta fl-inklużjoni LGBTIQ+, id-Direttorat għandu l-għan li jispira u jappoġġja l-progress globali lejn l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd.

Taqsima għall-Integrazzjoni tal-Ġeneru

It-Taqsima għall-Integrazzjoni tal-Ġeneru sservi bħala l-korp ċentrali ta’ koordinazzjoni għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki u programmi mmirati lejn il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fil-livelli kollha ta’ governanza.
Din it-Taqsima tindirizza b’mod proattiv l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa u l-minoranzi tal-ġeneru, filwaqt li tiżgura li l-kunsiderazzjonijiet tal-ġeneru ma jkunux ħsieb ta’ wara, iżda parti fundamentali mill-politika pubblika.
It-Taqsima tmexxi l-implimentazzjoni tal-ewwel qafas nazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneru, Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza u l-Integrazzjoni tal-Ġeneru (GEMSAP) (2022–2027). Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jfittex li jidentifika u jneħħi l-ostakli bbażati fuq il-ġeneru, isaħħaħ il-perspettiva tal-ġeneru fl-istadji kollha tat-tfassil tal-politika u jrawwem bidla sistemika lejn soċjetà aktar ugwali u inklussiva.
It-Taqsima tibqa’ impenjata bis-sħiħ biex tibni soċjetà fejn in-nisa, l-irġiel, il-bniet u s-subien – fid-diversità kollha tagħhom – ikunu ugwali u ħielsa minn kull forma ta’ vjolenza u diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru.

Taqsima Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin

It-Taqsima Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin tmexxi l-koordinazzjoni tal-isforzi nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin permezz ta’ approċċ ta’ kollaborazzjoni bejn diversi aġenziji u partijiet interessati. Billi trawwem kollaborazzjoni b’saħħitha bejn l-entitajiet governattivi u s-soċjetà ċivili,
it-Taqsima tiżgura rispons unifikat u effettiv għal din il-kwistjoni kumplessa tad-drittijiet tal-bniedem.
Fl-2024, tnediet l-ewwel Strateġija Nazzjonali u Pjan ta’ Azzjoni kontra t-Traffikar tal- Bnedmin (2024–2030). Din l-Istrateġija hija ankrata fil-qafas internazzjonalment rikonoxxut tal-4Ps– Prevenzjoni, Protezzjoni, Prosekuzzjoni, u Sħubija – u tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, li hu sensittiv għall-ġeneru, interdixxiplinarju u transsettorjali.
L-għan ġenerali huwa li tinbena sistema sostenibbli li tippermetti:

  • Identifikazzjoni bikrija tal-vittmi
  • Protezzjoni f’waqtha u effettiva
  • Aċċess għall-ġustizzja
  • Kumpens xieraq għad-danni, kemm morali kif ukoll materjali