Kontenut tal-Karta
Il-Karta hija maqsuma f’7 kapitli, kull wieħed jinkludi numru ta’ artikoli. Is-7 kapitli huma:
- Dinjità
- Libertajiet
- L-Ugwaljanza
- Solidarjetà
- Ċittadinanza
- Ġustizzja
- Dispożizzjonijiet Ġenerali li Jirregolaw l-Interpretazzjoni u l-Applikazzjoni tal-Karta
Dinjità
- Artikolu 1: Id-dinjità tal-bniedem – kulħadd għandu dritt li jiġi ttrattat b’dinjità
- Artikolu 2: Id-dritt għall-ħajja – kulħadd għandu dritt għall-ħajja, u l-piena tal-mewt hija projbita.
- Artikolu 3: Id-dritt għall-integrità tal-persuna – dan jinkludi l-kunsens mediku u l-projbizzjoni ta’ ċerti prattiki ġenetiċi.
- Artikolu 4: Il-projbizzjoni tat-tortura u trattament jew kastig inuman jew degradanti.
- Artikolu 5: Il-projbizzjoni tal-iskjavitù u xogħol furzat – dan jinkludi t-traffikar tal-bniedem.
Libertajiet
- Artikolu 6: Id-dritt għal-libertà u s-sigurtà.
- Artikolu 7: Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja.
- Artikolu 8: Il-protezzjoni tad-data personali – data għandha tiġi pproċessata b’mod ġust għal skopijiet speċifikati u fuq bażi ta’ kunsens tal-persuna kkonċernata jew bażi oħra legali.
- Artikolu 9: Id-dritt għaż-żwieġ u d-dritt għat-twaqqif ta’ familja – garantit skont il-liġijiet nazzjonali.
- Artikolu 10: Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon – dan jinkludi d-dritt li tiddikjara twemmin reliġjuż pubblikament u d-dritt li tibdel it-twemmin reliġjuż tiegħek.
- Artikolu 11: Il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni – dan jinkludi l-libertà li jkollok opinjonijiet u tirċievi u tagħti informazzjoni u ideat mingħajr interferenza ta’ awtoritajiet pubbliċi u irrispettivament mill-fruntieri. Il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja għandhom jiġu rispettati.
- Artikolu 12: Il-libertà tal-għaqda u l-assoċjazzjoni – inkluż id-dritt li tingħaqad fi trade union.
- Artikolu 13: Il-libertà tal-arti u x-xjenza – inkluż il-libertà akkademika.
- Artikolu 14: Id-dritt għall-edukazzjoni – inkluż l-libertà għall-ġenituri li jkollok it-tfal mgħallma skont it-twemmin reliġjuż (jew twemmin ieħor).
- Artikolu 15: Il-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol – ċittadini li m’humiex tal-UE li għandhom id-dritt għal xogħol fl-UE għandhom dritt għall-kundizzjonijiet tax-xogħol ekwivalenti bħal dawk taċ-ċittadini tal-UE.
- Artikolu 16: Il-libertà ta’ intrapriża, skont il-liġijiet u l-prattiki tal-UE u dawk nazzjonali.
- Artikolu 17: Id-dritt għall-proprjetà – il-proprjetà tirreferi għal kull possedimenti legali, u mhux biss l-art u/jew l-akkomodazzjoni. Din tinkludi wkoll il-proprjetà intellettwali.
- Artikolu 18: Id-dritt għall-ażil.
- Artikolu 19: Il-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni – dan jinkludi l-projbizzjoni ta’ trasferiment ta’ persuna lejn pajjiż fejn hemm riskju serju li tkun soġġetta għal ta’ piena tal-mewt jew tortura (jew trattament ieħor li hu degradanti jew inuman).
L-Ugwaljanza
- Artikolu 20: L-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi.
- Artikolu 21: Non-diskriminazzjoni – jipprojbixxi diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, razza, kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, politika jew opinjoni oħra, sħubija ta’ minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.
- Artikolu 22: Id-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika – għandha tiġi rispettata.
- Artikolu 23: L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa – dan ma jipprevjenix milli jittieħdu miżuri pożittivi għal vantaġġ tas-sess li jkun anqas rappreżentat (fuq il-post tax-xogħol pereżempju).
- Artikolu 24: Id-drittijiet tat-tfal – L-aħjar interess tat-tfal għandu jkun il-kunsiderazzjoni primarja meta tittieħed deċiżjoni minn korp pubbliku jew privat f’isem it-Tfal. It-tfal għandhom id-dritt li jżommu relazzjoni personali regolari mal-ġenituri tagħhom, sakemm dan ma jkunx kontra l-aħjar interess tat-tfal.
- Artikolu 25: Id-drittijiet tal-anzjani – li jgħixu ħajja b’dinjità, indipendenza u jipparteċipaw fil-ħajja soċjali u kulturali
- Artikolu 26: L-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà.
Solidarjetà
- Artikolu 27: Id-dritt tal-ħaddiem għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża – il-ħaddiema (jew ir-rappreżentanti tagħhom) għandhom jiġu kkonsultati fil-każijiet u taħt il-kundizzjonijiet provduti għalihom mill-UE jew l-liġi u l-prattiki nazzjonali.
- Artikolu 28: Id-dritt ta’ negozjar u azzjoni kollettiva – kemm min jimpjega u l-ħaddiema għandhom id-dritt għal negozjar u jagħlqu qbil kollettiv, u jieħdu azzjoni kollettiva biex jipproteġu l-interessi tagħhom (pereżempju, jieħdu azzjoni kollettiva bħal strajk).
- Artikolu 29: Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ impjieg – servizzi ta’ impjieg mingħajr ħlas għandhom ikunu disponibbli biex jgħinu lin-nies ifittxu xogħol.
- Artikolu 30: Il-protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija inġusta – ħaddiema għandhom id-dritt għall-protezzjoni milli jkunu mkeċċija b’mod inġust mill-impjieg, skont il-liġi u l-prattiki tal-UE u dawk nazzjonali.
- Artikolu 31: Il-undizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa – inkluż id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol siguri, ħin massimu tal-ġimgħa, perjodi ta’ mistrieħ u leave annwali.
- Artikolu 32: Il-projbizzjoni ta’ impjieg tat-tfal u protezzjoni taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol – l-età minima għax-xogħol ma tistax tkun taħt l-età minima għall-ħruġ mill-iskola ħlief f’ċirkostanzi limitati. Żgħażagħ li jidħlu fix-xogħol għandhom ikollhom kundizzjonijiet adattati għall-età tagħhom u jiġu protetti kontra l-isfruttament ekonomiku u xogħol li jista’ jikkawżalhom ħsara.
- Artikolu 33: Il-ħajja tal-familja u dik professjonali – dan jinkludi il-protezzjoni għall-ħaddiema tqal u ġenituri bil-leave tal-maternità jew għall-ġenituri.
- Artikolu 34: Is-sigurtà soċjali u assistenza soċjali – skont il-liġi u l-prattiki tal-UE u dawk nazzjonali.
- Artikolu 35: Il-kura tas-saħħa – taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali.
- Artikolu 36: L-aċċess għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.
- Artikolu 37: Il-protezzjoni ambjentali – politiki tal-UE għandhom ikunu sostenibbli.
- Artikolu 38: Il-protezzjoni tal-konsumatur.
Id-Drittijiet taċ-Ċittadini
- Artikolu 39: Id-dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew
- Artikolu 40: Id-dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali – f’Malta, dan ifisser l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
- Artikolu 41: Id-dritt għal amministrazzjoni tajba – id-dritt li l-affarijiet tiegħek jiġu ttrattati b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE. Dan jinkludi id-dritt li jkollok vuċi f’kull deċiżjoni li tista’ jkollha effett negattiv fuqek, id-dritt għall-aċċess tal-fajl tiegħek, u l-obbligu tal-amministrazzjoni li tagħti raġuni għad-deċiżjonijiet tagħha. Dan ifisser ukoll li ċittadini tal-UE jistgħu jiktbu lill-istituzzjonijiet tal-UE u jirċievu tweġiba bil-lingwa tagħhom (waħda mill-lingwi uffiċjali tal-UE).
- Artikolu 42: Id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti – dan jirreferi għal dokumenti miżmuma minn kwalunkwe istituzzjoni tal-UE. Dan id-dritt japplika kemm għal ċittadini tal-UE u kif ukoll kwalunkwe persuna naturali jew legali li tgħix jew għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru.
- Artikolu 43: L-Ombudsman– kull persuna jew kumpanija fl-UE tista’ tirreferi għall-każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE (bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Ewwel Istanza li jservu fl-irwoli ġudizzjarji tagħhom) lill-Ombudsman Ewropew.
- Artikolu 44: Id-dritt ta’ petizzjoni – kull ċittadin tal-UE jew kumpanija tista’ tressaq petizzjoni lill-Parlament Ewropew.
- Artikolu 45: Il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza – kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fl-Istati Membri tal-UE. Dan id-dritt jista’ jingħata, skont it-Trattati, lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu legalment fi Stat Membru.
- Artikolu 46: Il-protezzjoni diplomatika u konsulari – jekk tinsab barra mill-UE f’pajjiż li m’għandux ambaxxata jew konsolat Malti (jew ambaxxata tan-nazzjonalità tiegħek jekk m’intix Malti), int intitolat għall-protezzjoni/assistenza minn awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ Stat Membru ieħor tal-UE, bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.
Ġustizzja
- Artikolu 47: Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali – kulħadd għandu d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi, kif ukoll id-dritt li tiġi avżat, difiż u rrappreżentat. Dan jinkludi d-dritt għall-għajnuna legali fejn jiġi deċiż li m’għandekx biżżejjed riżorsi, sa fejn din l-għajnuna tkun meħtieġa biex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.
- Artikolu 48: Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt għad-difiża – kulħadd hu meqjus innoċenti sakemm ma jinstabx ħati skont il-liġi, u l-persuni akkużati b’reat għandhom jkollhom id-dritt għad-difiża tagħhom garantita.
- Artikolu 49: Il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni – Ma tistax tiġi kkundannat għal reat li ma kienx reat fiż-żmien meta twettaq, u lanqas ma tista’ tiġi imposta piena aktar ħarxa minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara t-twettiq ta’ reat kriminali l-liġi tipprovdi piena inqas, dik il-piena għandha tapplika. Il-pieni għandhom ikunu proporzjonali mas-serjetà tar-reat.
- Artikolu 50: Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat.
Dispożizzjonijiet Ġenerali li Jirregolaw l-Interpretazzjoni u l-Applikazzjoni tal-Karta
- Artiklu 51: L-ambitu – Il-Karta tindirizza biss lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-UE u Stati Membri meta jimplimentaw il-liġi tal-UE.
- Artiklu 52: L-ambitu tad-drittijiet garantiti – Kull restrizzjoni għad-drittijiet u l-libertajiet tal-Karta għandha tkun prevista bil-liġi, proporzjonali, meħtieġa, u għandha għan ġenwin ta’ interess ġenerali.
- Artiklu 53: Il-livell ta’ protezzjoni – Il-Karta m’għandiex tiġi interpretata bħala restrizzjoni jew li taffettwa b’mod negattiv id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif rikonoxxuti mill-liġi tal-UE, il-liġi internazzjonali (inkluż il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem) u mill-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri.
- Artiklu 54: Il-projbizzjoni ta’ abbuż tad-dritt – Il-Karta ma timplika l-ebda dritt li taġixxi b’mod li l-għan tiegħu hu li jkisswer id-drittijiet u l-libertajiet tal-Karta jew li tillimita dawn id-drittijiet b’mod akbar minn dak provdut fil-Karta.
Tista’ taċċessa t-test sħiħ tal-Karta hawn.