Il-Karta tal-UE fil-Fondi tal-UE

Il-Karta bħala Prinċipju Orizzontali fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027

Il-fondi tal-UE għandhom rwol vitali fil-kisba ta’ progress ekonomiku u soċjali, kif ukoll f’għanijiet politiċi oħra nazzjonali u tal-UE. Ir-regolamenti li saru riċenti qed jenfasizzaw dejjem iżjed ir-rispett għad-drittijiet fundamentali fejn l-użu tal-flus tal-UE huwa kkundizzjonat mill-konformità tal-programmi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Ġunju 2021 (CPR 21-27) jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar dawn it-tmien fondi tal-UE:

  • Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)
  • Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+)
  • Il-Fond ta’ Koeżjoni
  • Il-Fond għall-Tranżizzjoni Ġusta (JTF)
  • Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA)
  • Il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF)
  • Il-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF)
  • L-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (BMVI)

Il-CPR 21–27 hija leġiżlazzjoni vinkolanti tal-UE li tiddeskrivi l-kundizzjonijiet taħt liema dawn il-fondi tal-UE jiġu programmati u minfuqa. Flimkien, dawn jirrappreżentaw madwar terz tal-baġit totali tal-UE.

Dawn il-fondi jiġu mogħtija taħt ġestjoni maqsuma, li tfisser li l-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali jimmaniġġjaw il-fond b’mod konġunt. Il-CPR hija kkumplimentata minn regolamenti speċifiċi skont il-fond, li jistabbilixxu regoli speċifiċi għall-fondi.

Il-CPR 21–27 u r-regolamenti speċifiċi skont il-fond huma applikabbli direttament fl-Istati Membri. Il-CPR tenfasizza aktar d-drittijiet fundamentali. Hi tistenna lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-konformità mal-Karta fl-implimentazzjoni tal-fondi. Hi teħtieġ ukoll li l-aċċessibilità għall-persuni b’diżabbiltà tiġi kkunsidrata matul il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi.

Artiklu 9, Sottoartikoli 1-3 tas-CPR 21–27: Prinċipji Orizzontali

  1. Fl-implimentazzjoni tal-Fondi, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
  2. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, l-integrazzjoni tal-ġeneri u l-integrazzjoni ta’ perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi jiġu meqjusa u promossi tul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni tal-programmi.
  3. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-passi xierqa sabiex jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta’ ġeneru, ta’ oriġini razzjali jew etnika, ta’ reliġjon jew twemmin, ta’diżabbiltà, ta’età jew ta’orjentazzjoni sesswali matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni tal-programmi. B’mod partikolari, matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi, għandha titqies l-aċċessibiltà għall-persuni b’diżabbiltà.

Id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem jista’ jipprovdi parir dwar il-Karta u l-Prinċipji Orizzontali.

Biex titlob l-assistenza tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-applikazzjoni tal-Karta tal-UE fil-proposti ta’ finanzjament tal-UE:

  1. Ipprepara rapport fil-qosor tal-proposta tiegħek li jiddeskrivi l-għanijiet u l-objettivi, l-attivitajiet prinċipali u l-gruppi fil-mira tal-proġett tiegħek.
  2. Agħti ħarsa lejn is-sezzjoni tal-prinċipji orizzontali u pproponi punti li għandhom jiġu inklużi fl-applikazzjoni tiegħek għall-proġett.
  3. Ibgħat email fuq [email protected] u inkludi l-punti msemmija hawn fuq.
  4. Inkludi s-sejħa taħt liema il-proposta qed tiġi sottomessa, u d-data ta’ skadenza tas-sejħa.

Aktar informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Karta bħala Prinċipju Orizzontali tista’ tinstab hawn.