DWARNA

Id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem (HRD), taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru – Ugwaljanza, Riformi, u Djalogu Soċjali., twaqqaf bil-għan li jintlaħqu l-objettivi nazzjonali fl-oqsma tal-libertajiet ċivili, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, kif ukoll l-integrazzjoni tal-migranti.

Bħala parti mill-mandat tiegħu, id-Direttorat għandu l-kompitu li jiżgura li l-proposti u l-inizjattivi jħarsu d-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd, kif minquxa fil-liġi Maltija u internazzjonali u, fejn possibbli, jissokta bil-ħolqien ta’ soċjetà ugwali u ġusta.

Huwa magħmul minn oqsma dedikati li jkopru kwistjonijiet tematiċi tad-drittijiet tal-bniedem u oqsma ta’ ugwaljanza, jiġifieri:

Inizjalment, id-Direttorat twaqqaf taħt l-isem tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni (HRID) f’Novembru 2015 biex jipprovdi assistenza lill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili (MSDC).

Wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Mejju 2017, id-Direttorat ġie inkorporat fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza (MEAE) u aktar tard, f’Jannar 2020, ġie mċaqlaq biex jifforma parti mill-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza (MJEG).

F’Marzu 2020, id-Direttorat biddel ismu biex beda jissejjaħ id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem (HRD), filwaqt li baqa’ jżomm il-mandati preċedenti kollha tiegħu.

F’April 2022, id-Direttorat ġie inkorporat fil-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza.

Fil-preżent, id-Direttorat jifforma parti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru – Ugwaljanza, Riformi, u Djalogu Soċjali.

Il-kisbiet tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem matul l-aħħar għaxar snin bnew pedament sod għall-futur ta’ Malta. Biex jitfakkar dan il-mument importanti fis-Servizz Pubbliku, id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem ippubblika ktieb bl-isem ‘Championing Humanity: A Decade’s journey of the Human Rights Directorate’ li jiċċelebra għaxar snin ta’ progress u impatt.

Id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem huwa firmatarju tal-Malta Diversity & Inclusion Charter.