LAQGHAT TA' KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI
Il-Grupp ta’ Esperti Tekniċi involut fit-tħejjija tal-ewwel Strateġija Nazzjonali kontra t-Traffikar tal-Bnedmin flimkien mal-Unità tal-Inizjattivi tad-Drittijiet tal-Bniedem iltaqgħu ma’ għadd ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fejn iddiskutew il-ħidma tagħhom f’oqsma ta’ prevenzjoni u protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Matul din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni, ġew diskussi diversi realtajiet u tipi ta’ sfruttament. L-organizzazzjonijiet mhux governattivi kellhom l-opportunità li jiddiskutu kif ix-xogħol tagħhom fis-soċjetà jista’ jikkontribwixxi aktar għall-identifikazzjoni tal-vittmi mill-istituzzjonijiet nazzjonali u kif ir-rwol tagħhom jista’ jkun aktar effettiv fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin f’Malta.