KAMPANJA TAL-QALB BLU 2025

It-tema tal-Kampanja tal-Qalb Blu għall-2025 hija ‘It-Traffikar tal-Bnedmin huwa Kriminalità Organizzata – Inwaqqfu l-Isfruttament’. Din it-tema tenfasizza kif globalment, il-gruppi ta’ kriminalità organizzata huma l-forza ewlenija wara t-traffikar tal-bnedmin. Fil-fatt, 74% tat-traffikanti joperaw fi ħdan gruppi ta’ kriminalità organizzata, u jisfruttaw aktar vittmi b’mod aktar vjolenti minn kriminali indipendenti. Dawn il-gruppi jisfruttaw il-flussi migratorji, il-katini tal-provvista, lakuni legali u ekonomiċi, kif ukoll pjattaformi diġitali sabiex jiffaċilitaw volum kbir ta’ traffikar transkonfinali. Il-Kampanja tal-Qalb Blu tal-2025 tenfasizza r-rwol vitali tal-infurzar tal-liġi u tas-sistema tal-ġustizzja kriminali fit-twaqqif ta’ networks organizzati ta’ traffikar, filwaqt li tiżgura approċċ iċċentrat fuq il-vittma.

Bħalma sar fis-snin ta’ qabel, id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem organizza diversi attivitajiet bħala parti mill-Kampanja tal-Qalb Blu, sabiex iqajjem kuxjenza u jfakkar il-Jum Dinji kontra t-Traffikar tal-Bnedmin.

Organizzazzjoni Konġunta ta’ Konferenza

Id-Direttorat kien involut fl-organizzazzjoni konġunta ta’ Konferenza tal-Qalb Blu mal-FSWS bl-isem ‘Il-Vulnerabbiltà u Traffikar tal-Bnedmin’. Il-konferenza saret fit-30 ta’ Lulju, fejn attendew diversi partijiet interessati involuti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, inkluża s-soċjetà ċivili. Matul il-konferenza, id-Direttorat ippreżenta u tkellem dwar il-vulnerabbiltà, f’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin. Ġew ukoll mqassma pins bil-forma ta’ qalb blu, kif ukoll stickers waqt il-konferenza.

Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni

Il-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni twettqet permezz ta’ diversi mezzi. Ġiet imwettqa kampanja fuq il-midja soċjali bil-għan li tinforma lill-pubbliku dwar it-traffikar tal-bnedmin, u xxerred kuxjenza dwar il-Kampanja tal-Qalb Blu, kif ukoll tinkoraġġixxi r-rappurtar.

Id-Direttorat ikkollabora wkoll ma’ kumpaniji tal-midja għall-iżvilupp ta’ videos fuq il-midja soċjali. Wieħed mill-videos kien immirat lejn iż-żgħażagħ u ffoka fuq ir-rabta bejn qerq diġitali, l-intelliġenza artifiċjali u t-traffikar tal-bnedmin. It-tieni video ffoka fuq bini mixgħul b’dawl blu għall-Kampanja tal-Qalb Blu, kif ukoll fuq it-traffikar tal-bnedmin b’mod ġenerali:

Inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni qed isiru wkoll fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Il-kampanja hija mmirata lejn il-vjaġġaturi, l-impjegati, kif ukoll lejn persuni li jistgħu jkunu f’riskju ta’ traffikar tal-bnedmin, bl-għan li tiżdied il-kuxjenza dwar l-indikaturi tat-traffikar u li jiġi mħeġġeġ ir-rappurtar.

Artikli fil-gazzetti u rivista

Ġew ippubblikati artikli fuq The Times of Malta u Illum biex jimmarkaw il-Jum Dinji Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin u jenfasizzaw is-sinifikat tal-Kampanja tal-Qalb Blu. Fl-aħħar ġimgħa ta’ Lulju ġie rreklamat reklam biex jikkommemora l-kampanja  fuq il-websites ta’ dawn il-gazzetti, biex jiżdied aktar l-għarfien. Barra minn hekk, ġie ppubblikat artiklu fuq ir-rivista ‘Atelier’ li kien jinkludi informazzjoni dwar il-Kampanja tal-Qalb Blu u t-traffikar tal-bnedmin f’Malta.

Bini Ikoniċi mixgħul Blu

Bħalma sar fis-snin ta’ qabel, ħafna entitajiet ikkollaboraw sabiex jixegħlu l-faċċati tal-bini tagħhom jew postijiet oħra bil-kulur blu, biex ifakkru l-Kampanja tal-Qalb Blu u jqajmu kuxjenza dwar it-traffikar tal-bnedmin. Dawn inkludew:

  • Il-Berġa ta’ Kastilja
  • Il-Funtana tat-Tritoni
  • Palazzo Ferreria
  • L-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza
  • MITA
  • Servizzi Ewropej Malta
  • Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni
  • L-Uffiċċju Prinċipali ta’ Servizz.gov
  • Villa Bighi
  • Palazzo Lucia
  • Il-Bini tal-Parlament
  • Casa Leoni Santa Venera
  • Malta Business Registry
  • It- Torri tal-Ilma ta’ Ħal Luqa
  • L-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karin Grech
  • San Vinċenz de Paul
  • L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità
  • L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA)
  • L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA)
  • Il-Ministeru għall-Finanzi
  • L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Vittmi tal-Kriminalità
  • Kunsill Lokali Attard
  • Kunsill Lokali Birkirkara
  • Kunsill Lokali Fgura
  • Kunsill Lokali Mellieħa
  • Kunsill Lokali Mqabba
  • Kunsill Lokali Pembroke
  • Kunsill Lokali Safi
  • Kunsill Lokali Santa Venera
  • Kunsill Lokali Żejtun
  • Kunsill Reġjonali tal-Lvant
  • Kunsill Reġjonali tat-Tramuntana
  • APS Bank
  • Aragon Business Centre
  • Il-Fondazzjoni Logħob Responsabbli