CONNACT (CONNECTING THROUGH ADULT COMMUNITY TRAINING)
ConnACT (Connecting through Adult Community Training huwa proġett kofinanzjat minn Erasmus+ li għandu l-għan li jippromwovi soċjetajiet koeżivi permezz tal-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ integrazzjoni inklużiva, ugwali u mhux diskriminatorja. Programmi bħal dawn huma adattati għall-bżonnijiet, l-aspirazzjonijiet, l-abbiltajiet u karatteristiċi oħra tal-migranti li jindirizzaw ukoll l-kuntesti soċjoekonomiki tal-pajjiżi. Permezz ta’ riċerka dwar inizjattivi eżistenti u tagħlim reċiproku bejn l-imsieħba tal-proġett, l-ACT (Adult Community Training) Toolkit se jipproponi prattiċi innovattivi li jistgħu jiġu adattati għal kuntesti u bżonnijiet speċifiċi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
L-objettiv ta’ ConnACT huwa allinjat mal-Għan ta’ Politika 3, Miżura 13 tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Malta għall-Integrazzjoni (2025-2030). Il-proġett se jidentifika l-ħtiġijiet tal-integrazzjoni tal-migranti u tal-komunità lokali u se jiġbor l-aħjar prattiċi minn programmi ta’ integrazzjoni nazzjonali u internazzjonali.
L-attivitajiet tal-proġett huma mmirati lejn:
L-istabbiliment ta’ konsorzju bejn 3 imsieħba oħra b’politika ta’ integrazzjoni differenti, li jippermetti diskussjoni dwar l- aħjar prattiċi u diskussjonijiet importanti dwar l-integrazzjoni.
Il-ġbir ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiċi dwar programmi ta’ integrazzjoni eżistenti għall-adulti. Dan ser iservi biex tinbena l-ACTToolkit.
L-iżvilupp ta’ ACT Toolbox li turi modi prattiċi ta’ kif jiġu implimentati inizjattivi innovattivi ta’ taħriġ għall-adulti fil-komunità f’programmi nazzjonali u internazzjonali.
Rappurtar dwar rakkomandazzjonijiet biex jiġu promossi proġetti rigward taħriġ għall-migranti adulti.
Il-proġett qed jiġi implimentat fi sħubija mar-Regione Emilia Romagna (l-Italja), mal- Migration Policy Group (il-Belġju) u Centre for Economic Development, Transport and the Environment (il-Finlandja).