Bħala parti mill-proġett konġunt “Supporting Malta in the design and implementation of a new national Anti-Trafficking Strategy”, twettqet riċerka fost il-vittmi u s-superstiti tat-traffikar tal-bnedmin f’Malta biex tinftiehem l-effikaċja tal-proċess ta’ identifikazzjoni u l-assistenza pprovduta. Għan sekondarju kien li wieħed jifhem kif ir-reklutaġġ fl-isfruttament kien qed iseħħ f’Malta.
B’kollox ħadu sehem disa’ persuni. Kollha kienu adulti ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu daħlu Malta mill-ajruport fuq viżi, u esperjenzaw sfruttament tal-ħaddiema jew servitù domestika. Din ir-riċerka għandha titkompla sabiex tinkiseb stampa aktar sħiħa tar-realtà tat-traffikar tal-bnedmin f’Malta.
Xi wħud mill-kwistjonijiet imqajma kienu jinkludu l-isfida ta’ residenza għal żmien qasir, il-kisba ta’ residenza għal żmien itwal, l-aċċess għal informazzjoni dwar id-drittijiet u l-intitolamenti, u l-kwistjoni ta’ aġenziji ta’ sfruttament tal-impjiegi.
Din ir-riċerka tissodisfa l-Azzjoni 9 tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar it-Traffikar tal-Bnedmin: “Riċerka fost l-eks vittmi tat-traffikar tal-bnedmin f’Malta, bil-ħsieb li tinkiseb informazzjoni dwar ir-reklutaġġ u l-esperjenza tagħhom, kif ukoll l-effikaċja tal-assistenza pprovduta”.