Equality for All in Malta kien proġett iffinanzjat mill-Fond għad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza (REC) li kien immirat biex jindirizza l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ rappurtar ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq razza u/jew oriġini etnika u reliġjon jew twemmin. Dan kien proġett ta’ sentejn, immexxi mill-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, li kien immirat lejn organizzazzjonijiet u komunitajiet ta’ minoranzi razzjali, etniċi u reliġjużi, kif ukoll il-pubbliku ġenerali. Il-proġett sar fi sħubija mal-fondazzjoni aditus u n-Netwerk Ewropew Kontra r-Razziżmu (ENAR).
Il-Proġett tnieda uffiċjalment mill-Onor. Owen Bonnici, Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fid-29 ta’ Settembru 2021 u dawn l-inizjattivi li ġejjin kienu ffinanzjati permezz tal-proġett:
It-taħriġ ġie pprovdut lil 120 membri ta’ minoranzi razzjali, etniċi u reliġjużi (li jistgħu jinkludu vittmi ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq razza u/jew oriġini etnika u reliġjon jew twemmin) biex jagħtuhom is-setgħa jgawdu b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom u r-rimedji ġodda stabbiliti fil-liġi. Tliet sensiliet ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ saru f’April 2021, Settembru 2021 u Frar 2022.
Permezz ta’ sensiela ta’ tliet sessjonijiet ta’ taħriġ, l-HRD flimkien mal-imsieħba tal-proġett (il-fondazzjoni aditus u n-Netwerk Ewropew kontra r-Razziżmu) ipprovdew lill-parteċipanti ħarsa ġenerali fuq il-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza kemm Maltija u kif ukoll Ewropea, taħriġ ta’ advocacy kif ukoll rappurtar ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni lill-Korp tal-Ugwaljanza.
Kampanja mmirata lejn il-pubbliku ġenerali żiedet l-għarfien dwar in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza, permezz tat-tqassim ta’ posters u l-użu tax-xelters tat-trasport pubbliku, u vidjows u posts fuq il-midja soċjali, fost oħrajn.
Il-mudell ta’ outreach tal-proġett Equality for All in Malta ffoka fuq approċċ multidixxiplinari, bil-għan li jimmira lejn il-bażi tas-soċjetà Maltija, permezz tal-kunsilli lokali, kif ukoll NGOs, komunitajiet ta’ migranti u organizzazzjonijiet ta’ twemmin reliġjuż, biex jinkoraġġihom jingħaqdu fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. L-għan tal-outreach fil-proġett kien li jiġi stabbilit u mħeġġeġ il-fehim reċiproku, jippromwovi l-parteċipazzjoni u l-involviment tal-gruppi ta’ minoranzi, u jiġu influwenzati mġiba, attitudnijiet, u azzjonijiet fis-soċjetà Maltija. Il-mudell tal-outreach stabbilit mit-tim tal-proġett għen biex isaħħaħ l-għarfien tal-komunità, iżid il-viżibilità tal-proġett, kif ukoll jinvolvi komunitajiet u organizzazzjonijiet ġodda lejn soċjetà tassew ugwali.
Il-kuntatt mal-kunsilli lokali sar bil-għan li jiġu żviluppati aktar għodod kontra d-diskriminazzjoni għall-azzjoni f’livell lokali li diġà ntużaw f’ambjent ta’ integrazzjoni tal-migranti, li imbagħad jistgħu jilħqu l-popolazzjoni ġenerali ta’ residenti. Iċ-Charter tal-Integrazzjoni Lokali u l-Pjan ta’ Azzjoni flimkien mal-Addendum li ġie iffirmati mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali fis-6 t’Ottubru 2021, għandhom l-għan li jirrispettaw u jippromwovu l-prinċipju tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, partikolarment fuq ir-razza u/jew oriġini etnika u r-reliġjon jew it-twemmin. Il-pjan ta’ azzjoni se jippermetti kollaborazzjoni eqreb bejn id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kunsilli Lokali, u jsaħħaħ aktar ir-relazzjonijiet.
Addendum għaċ-Charter dwar l-Integrazzjoni Lokali u l-Pjan ta’ Azzjoni
Il-kuntatt mal-komunitajiet ta’ migranti u l-organizzazzjoni ta’ twemmin reliġjuż sar biex jilħaq individwi li ma kinux għadhom intlaħqu. Dan sar billi nħolqot lista ta’ kuntatti ta’ individwi interessati u ngħatat informazzjoni waqt is-sessjonijiet ta’ taħriġ, kif ukoll billi ngħata feedback mill-komunitajiet u organizzazzjonijiet waqt id-diskussjonijiet. Li tistabbilixxi u żżomm relazzjoni mal-parteċipanti huwa essenzjali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ rappurtar, kif ukoll biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ għarfien dwar il-funzjoni tal-Korp tal-Ugwaljanza.
L-NGOs li jaħdmu mal-komunitajiet tal-migranti huma essenzjali biex jgħinu jilħqu aktar individwi u komunitajiet li jinsabu f’riskju ta’ diskriminazzjoni. B’dan f’moħħhom, it-tim tal-proġett fittex li jimmira lejn diversi stakeholders fis-soċjetà biex jiżgura, kemm jista’ jkun, implimentazzjoni tal-prinċipju bla xkiel, jiġifieri: organizzazzjonijiet tar-razza u oriġini etnika u minoranzi reliġjużi rappreżentanti u membri oħra tal-komunità, il-popolazzjoni adulta lokali, l-impjegati taċ-ċivil u l-organizzazzjonijet u l-NGOs tal-migranti.