Diskriminazzjoni razzjali fuq il-post tax-xogħol. Kun af id-drittijiet tiegħek!
Diskriminazzjoni tirreferi għall-att li tittratta lil xi ħadd b’mod inqas favorevoli minn ħaddieħor, direttament jew indirettament, minħabba s-sess jew minħabba responsabbilitajiet tal-famillja, orjentazzjoni sesswali, età, reliġjon jew twemmin, oriġini razzjali jew etnika, jew identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru jew karatteristiċi tas-sess, jew karatteristiċi oħra, meta ma jkunx hemm ġustifikazzjoni oġġettiva u raġonevoli.
Il-leġiżlazzjoni Maltija tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq ix-xogħol, imma d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol għadha fenomenu kbir. Skont il-Kummissjoni Ewropea Kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza, dawk l-aktar vulnerabbli għad-diskriminazzjoni fix-xogħol fl-Ewropa huma l-migranti minn pajjiżi li mhumiex membri fl-UE, Musulmani, persuni ta’ dixxendenza Afrikana u Ewropej Suwed, kif ukoll nisa bi sfond ta’ migrazzjoni jew tal-minoranza. Dawn il-gruppi vulnerabbli jinkludu wkoll migranti mingħajr dokumenti, refuġjati, u persuni li qed ifittxu l-ażil.
Din id-diskriminazzjoni razzjali fix-xogħol isseħħ fl-istadju tar-reklutaġġ u fuq il-post tax-xogħol u tista’ tinkludi diffikultajiet fl-aċċess għax-xogħol minħabba l-isterjotipi marbutin mal-ħaddiema minn sfondi etniċi differenti, diffikultajiet fl-akkwist għal-liċenzji tax-xogħol u n-natura tas-suq tax-xogħol li tista’ ma tinkludix reklutaġġ diversifikat. Fix-xogħol, id-diskriminazzjoni tista’ tinkludi nuqqas ta’ paga ndaqs għall-istess xogħol, nuqqas ta’ benefiċċji xierqa, nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà, fost ħafna oħrajn. Barra minn hekk, id-diskriminazzjoni tista’ sseħħ mis-superviżur tal-vittma, superviżur minn taqsima oħra, kollega, jew xi ħadd li mhuwiex impjegat minn min iħaddem, bħal klijent jew konsumatur. Din id-diskriminazzjoni toħnoq opportunitajiet, tarmi t-talent bżonjuż tal-bniedem għall-progress ekonomiku u żżid it-tensjonijiet soċjali u l-inugwaljanzi. Billi neliminaw d-diskriminazzjoni razzjali fix-xogħol, aħna nistgħu noħolqu forzi tax-xogħol diversi li joffru lil min iħaddem pool bla limitu ta’ talenti meħtieġa għal kwalunkwe negozju ta’ suċċess.
Is-sitwazzjoni kurrenti ta’ Malta
F’dawn l-aħħar snin, is-suq tax-xogħol ta’ Malta kien ikkaratterizzat b’żieda qawwija ta’ ħaddiema li mhumiex Maltin li jaħdmu f’Malta. Il-forza tax-xogħol li mhix Maltija kienet l-akbar kontribut għat-tkabbir tal-forza tax-xogħol ta’ Malta u kkontribwixxiet b’mod sinifikanti għar-rendiment ekonomiku globali. Bejn l-2017 u l-2021, il-komponent tal-forza tax-xogħol li mhuwiex Maltin wera l-aktar rata ta’ tkabbir annwali mgħaġġel. Filwaqt li l-ishma tal-persuni tal-UE baqa’ stabbli bi 13% tal-populazzjoni li qiegħda f’impjieg, l-ishma tal-persuni minn pajjiżi terzi żdiedet minn 6% fl-2017 għal 18% f’Awwissu 2022.
Kif mistenni, iż-żieda tal-persuni li mhumiex Maltin kienet riflessa fil-pożizzjonijiet tax-xogħlijiet fis-setturi kollha. Din iż-żieda wasslet għal persuni li mhumiex fl-UE jikkontribwixxu sinifikamentb’mod sinifikanti għall-persentaġġ totali ta’ persuni li mhuwiex fl-UE fis-suq tax-xogħol, li b’mmod medju jammontaw għal 27.9% tal-forza tax-xogħol totali f’Malta.
Barra minn hekk, lejn l-aħħar tal-2022, l-aktar persuni fl-UE impjegati f’Malta oriġinaw mill-Italja. Fir-rigward ta’ Persuni minn Pajjiżi Terzi, l-aktar pajjiż ta’ oriġini huma dawk mill-Indja.
Ir-riċerka turi li ż-żieda ta’ ħaddiema li mhumiex Maltin f’Malta wasslet għal firxa ta’ diffikultajiet li jiffaċjaw dawn il-ħaddiema f’Malta, inkluż: ostakli għall-aċċess għax-xogħol; nuqqas ta’ xogħol u nuqqas ta’ mobilità fix-xogħol; opportunitajiet ta’ taħriġ insuffiċjenti, riskju ogħla ta’ faqar minkejja is-sigħat twal ta’ xogħol; riskji akbar ta’ saħħa u sigurtà speċjalment fost dawk f’xogħol mhux iddikjarat; relazzjonijiet kumplessi mas-superjuri tagħhom, kollegi u klijenti; u livelli baxxi ta’ unjoniżmu. Il-pandemija Covid-19 żiedet il-vulnerabbiltà tal-migranti u bidlet lura xi ftit mill-progress li sar f’dawn l-aħħar snin, speċjalment f’termini ta’ atteġġjamenti soċjali.
Barra minn hekk, ir-rapport maħruġ mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-2028 ‘Being Black in the EU’ wera li 20% tar-rispondenti esperjenzaw fastidju razzjali fil-ħames snin ta’ qabel sar is-survey, waqt li 7% sofrew vjolenza razzjali. Filwaqt li din l-istatistika mhix biss marbuta mad-diskriminazzjoni razzjali fuq il-post tax-xogħol, il-kulur tal-ġilda u l-oriġini etniċi ġew meqjusa bħala l-motivazzjoni prinċipali għad-diskriminazzjoni fl-edukazzjoni, qabel u wara li ġew impjegati, u fl-akkomodazzjoni. Ħafna mir-razziżmu jseħħ fi spazji pubbliċi bħall-oqsma tax-xogħol, bars u fuq it-trasport pubbliku.
Kun af id-drittijiet tiegħek
Id-diskriminazzjoni fix-xogħol hi pprojbita bil-liġi u hemm rimedji disponibbli għal dawk li jesperjenzawha. Il-leġiżlazzjoni Maltija tipprovdi protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fix-xogħol permezz ta’ diversi liġijiet, jiġifieri l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (“Kapitlu 452”) u l-Att dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa (“Kapitlu 456”), Kapitli 452 u 456 tal-Liġijiet ta’ Malta. Xi wħud mil-liġijiet sussidjarji tagħhom jindirizzaw wkoll diskriminazzjoni fix-xogħol, bħar-Regolarmenti dwar it-Trattament Ugwali fl-Impjiegi, il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 452.95 li timplimenta d-Direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar is-suġġett, inkluża d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali 2000/43/EC u d-Direttiva dwar il-qafas tal-Ugwaljanza fl-Impjiegi 2000/78/EC.
Permezz ta’ dawn il-liġijiet, huwa illegali li kwalunkwe persuna jew grupp jiġu suġġetti għal trattament diskriminatorju, abbażi ta:
Fir-rigward ta’:
Dan jista’ jinkludi l-għażla ta’ persuna li hi inqas kwalifikata minn persuna tas-sess oppost u azzjonijiet inqas favorevoli, termini tal-ħlas jew rimunerazzjoni (meta l-impjegati qegħdin fl-istess grad) jew kundizzjonijiet tax-xogħol. Istruzzjoni biex jiġi ddiskriminat jew il-fallimenti biex jiġi żgurat li l-post tax-xogħol huwa ħieles mill-fastidju huwa wkoll meqjus bħala forma ta’ diskriminazzjoni.
Bl-istess mod huwa illegali li jiġi vittimizzat xi ħadd għaliex għamel ilment lill-awtoritaijiet legali jew għaliex beda jew ipparteċipa f’proċeduri għal rimedju fuq il-bażi ta’ allegat ksur tal-Kapitlu 452, jew talli żvela informazzjoni, kunfidenzjali jew le, lill-korp regolatorju pubbliku maħtur, dwar attivitajiet allegati illegali jew korrotti minn min iħaddem jew minn persuni li jaġixxu f’isem u fl-interessi ta’ min iħaddem.
Kapitlu 452 jistabbilixxi wkoll it-Tribunal Industrijali li huwa l-korp ġudizzjarju ewlieni li jindirizza każijiet relatati max-xogħol, inkluż problemi relatati mad-diskriminazzjoni fix-xogħol. Huwa importanti li kwa;unkwe każ irid jinġieb quddiem it-Tribunal Industrijali fi żmien erba’ (4) xhur ta’ allegat ksur tal-liġi. Wieħed għandu wkoll id-dritt li jitlob lill-qorti ta’ ġurisdizzjoni ċivili biex tordna lil min iħaddem li jkun qed jiddiskrimina li jieqaf minn tali aġir illegali u li tordna kumpens għad-danni mġarrba minħabba din l-imġiba. Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (“NCPE”) tista’ wkoll tisma’ u tinvestiga ilmenti relatati ma’ diskriminazzjoni fix-xogħol, iżda s-sejbiet tagħha ma jkunux marbuta sakemm l-akkużat jaqbel bil-miktub.
Fatt essenzjali ieħor huwa li f’każijiet quddiem it-Tribunal Industrijali jew l-NCPE relatati mad-diskriminazzjoni fix-xogħol (jiġifieri, ksur ta’ prinċipju ta’ trattament ugwali), jekk il-kwerelant jistabilixxi fatti li juru trattament inqas favorevoli fuq bażi prima facie, il-piż tal-prova jinqaleb fuq l-akkużat. Huwa l-obbligu tal-akkużat li juri li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jew tali trattament kien ġustifikat. Jekk l-akkużat ifalli milli jagħmel dan, it-Tribunal Industrijali jew l-NCPE għandha tilqa’ l-ilment. Din hi differenti mill-proċedura legali ordinarja , peress li normalment hi responsabbilità tal-persuna li tagħmel it-talba li tipprova dik it-talba u mhux il-persuna li qiegħda tiddefendi lilha nnifisha mit-talba.
It-tqegħid tal-oneru tal-prova huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-effettività tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni. Ir-raġuni għal din id-diverġenza mill-proċedura legali ordinarja hi li ħafna drabi huwa partikolarment diffiċli għal persuna li tesperjenza diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol li tressaq biżżejjed evidenza biex tipprova l-allegazzjoni. Ħafna drabi l-evidenza meħtieġa biex tagħmel dan tkun fil-pussess ta’ min iħaddem li ċertament ma jirreklamax il-preġudizzji tiegħu jew jista’ saħansitra ma jkunx konxju minnhom jew l-impjegat ikollu aċċess limitat ħafna għall-evidenza biex jipprova t-talba ta’ diskriminazzjoni. Pereżempju, jekk impjegat isostni li l-proċedura ta’ min iħaddmu twassal għal riżultati diskriminatorji, ikun diffiċli li tali talba tiġi ppruvata mingħajr aċċess dirett għall-ħidma interna ta’ dik il-proċedura.
Id-diskriminazzjoni razzjali kultant tista’ tkun reat, kemm waħidha, permezz ta’ diskors ta’ mibgħeda, jew bħala motivazzjoni għal xi reat ieħor. Fil-fatt, il-Kodiċi Kriminali, Kapitlu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta jistabilixxi li kull min juża kwalunkwe kliem jew imġiba ta’ theddid, abbużivi jew insolenti, jew jesibixxi xi materjal miktub jew stampat li jkun ta’ theddid, abbużiv jew insolenti, jew xort’oħra jġib ruħu b’dak il-mod, bil-ħsieb li b’hekk iqajjem mibegħda jew vjolenza kontra xi persuna oħra jew grupp ta’ persuni fuq bażi ta’ ġeneru,identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, razza, kulur, lingwa, oriġini etnika, età, diżabilità, reliġjon jew twemmin jew opinjoni politika jew opinjoni oħra, għandu jeħel, meta jinstab ħati, il-piena ta’ priġunerija minn sitt (6) xhuwar sa tmintax (18)-il xahar. Il-piena stabbilità dwar xi reat għandha tiżdied minn grad sa żewġ gradi meta r-reat ikun aggravat jew motivat, għal kollox jew b’mod parzjali b’mibegħda kontra persuna jew grupp ta’ persuni.
Eżempji ta’ diskriminazzjoni razzjali fix-xogħol:
Claire hi ta’ ġilda sewda u Jane hi ta’ ġilda bajda. Waqt li qegħdin jimplimentaw proċedura ġdida fix-xogħol, it-tnejn li huma sabuha daqsxejn diffiċli u għamlu żbalji simili. Għall-iżbalji tagħhom, Claire immedjatament tingħata twissija finali bil-miktub filwaqt li Jane ma rċevitx l-anqas twissija verbali. L-iżbalji tat-tnejn li huma kienu ta’ daqs ugwali imma l-persuna li investigat l-inċident kienet preġudikata u assumiet li l-iżball ta’ Claire sar b’neġliġenza waqt li dak ta’ Jane kien biss għall-fatt li din kienet proċedura ġdida. Din hi diskriminazzjoni diretta.
Lucia, li hi Taljana, mxiet għal tim ieħor fuq ix-xogħol. Żewġ persuni fit-tim regolarment jitkellmu b’mod negattiv dwar l-Italja u niesha fil-preżenza tagħha u kontinwament jiċċirkulaw messaġġi fuq iċ-chat tat-tim li fiha t-Taljani dejjem jidhru f’dawl ikrah u f’ħafna okkażjonijiet dawn intbagħtu direttament lilha. Lucia issib din l-imġiba ostili u degradanti u tħossha umiljata. Meta tilmenta, min iħaddimha ma jeħodhiex bis-serjetà u jgħid li n-nies qegħdin biss jiċċajtaw. Lucia argumentat li din ma kinitx ħaġa ta’ darba u wriet lil min iħaddimha l-20 eżempju ta’ imġiba degradanti li dehret fil-ġimgħa ta’ qabel biss, iżda min iħaddimha reġa’ ċaħad dan bħala “biss ċajt”. Lucia tista’ tagħmel talba ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ min iħaddimha li ma rażżanx kull forma ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol.
Għażliet għal rimedju:
Jekk temmen li int vittma ta’ diskriminazzjoni, għandek id-dritt li titkellem jew tagħmel ilment lill-awtoritajiet li ġejjin:
Tribunal Industrijali: Jekk tesperjenza diskriminazzjoni fix-xogħol, tista’ tippreżenta ilment lit-Tribunal Industrijali. Każ quddiem it-Tribunal għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ riferiment bil-miktub li jinkludi dikjarazzjoni li tispeċifika l-fatti tal-każ. Ir-riferiment irid jiġi ppreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal fil-Qrati tal-Liġi ta’ Malta fi żmien erba’ xhur mid-data effettiva tal-allegat ksur ta’ liġi.
Aktar informazzjoni relatata mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tista’ tingħata mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u Impjiegi.
Telefon:
NCPE: Kull min jemmen li kien vittma tad-diskriminazzjoni jista’ jissottometti ilment lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) billi jimla formola permezz tal-ħolqa hawn.
Aktar informazzjoni tista’ tingħata mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza fuq Tel: 2276 8200 jew Email: [email protected]
Pulizija: Jekk persuna hi l-vittma ta’ diskors ta’ mibgħeda jew kwalunkwe reat ieħor motivat minn mibgħeda minħabba razza jew fuq bażi oħra, din teħtieġ l-assistenza tal-pulizija. F’każ mhux urġenti, wieħed jista’ jċempel lill-Kmand tal-Pulizija u l-kamra tal-Kontroll fuq (+356) 2122 4001-9. L-għases tal-pulizija jistgħu jintlaħqu jew permezz tan-numru tat-telefon fuq (+356) 2122 4001, email: [email protected] jew billi tmur fiżikament l-għassa tal-Pulizija.
Id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem: Id-Direttorat jista’ jipprovdi informazzjoni ġenerika dwar dak li tipprovdi l-liġi rigward id-diskriminazzjoni u jista’ jassisti lill-persuni biex ifittxu s-servizzi meħtieġa biex jiksbu rimedji f’każijiet ta’ diskriminazzjoni. Tel: 2226 3210 Email: [email protected]
Din l-informazzjoni hi appoġġjata mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Referenzi:
Art. 2(1) dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa, Kapitlu 456 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza. (2015). ECRI General Policy Recommendation No. 15 on Combating Hate Speech, p. 14. https://rm.coe.int/ecri-general-policy-recommendation-no-15-on-combating-hate-speech/16808b5b01
European Network Against Racism (ENAR). (2022). Introduction, para. 2
https://www.enar-eu.org/Introduction-1301
Combatting racism and racial discrimination in employment: ECRI General Policy Recommendation No. 14: Key Topics https://rm.coe.int/ecri-general-policy-recommendation-no-14-key-topics-combating-racism-a/16808b763d
Jobsplus, Foreign Nationals Employment Trends. (2023).
Debono, M. (2021). Migrants and the challenge of decent work in Malta. e-Revista Internacional de la Protección Social, 6(2), 272-293.
Fundamental Rights Agency (2018). Being Black in the EU. Second European Union Minorities and Discrimination Survey. Meħud minn https://fra.europa.eu/sites/default/ files/fra_uploads/fra-2019-being-black-in-the-eu-summary_en.pdf
Arts 26 u 27 tal-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg, Kapitlu 452 tal-Liġijiet ta’ Malta; Regs 1-3 tar-Regolamenti dwar Trattament Ugwali fl-Impjiegi, S.L. 452.95.
Reg. 3, S.L. 452.95.
Art. 27, Kap. 452.
Art. 30, Kap. 452 and Reg. 10, S.L. 452.95.
Reg. 10(2), S.L. 452.95.
Arts. 17-18, Kap. 456.
Art. 19(2), Kap. 456 and Reg. 10(3), S.L. 452.95.
Art. 82A, Kodiċi Kriminali, Kapitlu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Art. 83B, Kodiċi Kriminali, Kapitlu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta.