Introduzzjoni

Sfond

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali li jgawdu n-nies fl-Unjoni Ewropea (UE). Ġiet introdotta biex isaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fi żminijiet differenti u b’modi differenti fl-Istati Membri tal-UE b’mod individwali, fit-Trattati tal-UE u fil-valuri u l-prinċipji universali. Hija għodda moderna u komprensiva li tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet u l-libertajiet tan-nies fid-dawl tal-bidliet fis-soċjetà, il-progress soċjali u l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi.

Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jgħid li “L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu il-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

Il-Karta tapplika flimkien mas-sistemi nazzjonali u internazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluż il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa.

Il-Karta saret legalment vinkolanti fuq l-UE (u fuq l-Istati Membri tal-UE meta jimplimentaw il-liġi tal-UE) bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, f’Diċembru 2009. Barra minn hekk, għandha l-istess valur legali bħat-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Strateġija tal-UE biex issaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta

Fit-2 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat Strateġija ġdida biex issaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE.

Biex tiżgura li l-Karta issir realtà għal kulħadd, l-istrateġija tistabbilixxi d-direzzjoni tal-implimentazzjoni tal-Karta għall-10 snin li ġejjin.

L-istrateġija tiffoka fuq erba’ pilastri:

  1. Applikazzjoni effettiva tal-Karta mill-Istati Membri
  2. Tagħti s-setgħa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet u l-prattikanti tal-ġustizzja
  3. Il-Karta bħala kumpass għall-istituzzjonijiet tal-UE
  4. Issaħħaħ l-għarfien tan-nies

L-Aġenzija tal- UE għad-Drittijiet Fundamentali

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tagħti pariri indipendenti lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri dwar id-drittijiet stabbiliti fil-Karta. FRA tagħmel ukoll riċerka legali kif ukoll riċerka dwar ix-xjenza soċjali biex tidentifika oqsma fl-UE fejn hemm bżonn aktar xogħol biex jintlaħqu l-istandards internazzjonali.

Human Rights Directorate
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.