Aħna nimpenjaw ruħna biex niddisinjaw u nimplimentaw politiki u programmi mmirati lejn il-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-ġeneru u l-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inħarsu d-drittijiet tal-bniedem, insaħħu d-demokrazija u nippreservaw l-istat tad-dritt.
Il-viżjoni tagħna hija li jkollna soċjetà fejn in-nisa u l-irġiel, il-bniet u s-subien, fid-diversità kollha tagħhom, ikunu ndaqs. Soċjetà ħielsa mill-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, fejn kulħadd ikun liberu li jsegwi t-triq tal-ħajja li jkun għażel u jkollu opportunitajiet indaqs biex jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu bl-użu tat-talenti u d-diversità kollha.
It-Taqsima għall-Integrazzjoni tal-Ġeneru (GMU) kienet stabbilita f’Jannar 2019 u minn dakinhar baqgħet attiva fl-indirizzar tal-isfidi enfasizzati min-nisa u l-minoranzi tal-ġeneru. It-Taqsima tifforma parti mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u hija responsabbli għall-iżvilupp tal-ewwel qafas nazzjonali dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneru u l-Integrazzjoni tal-Ġeneru.
Il-GMU sservi bħala korp ta’ koordinazzjoni li jikkomunika ma’ diversi entitajiet, jipprovdi informazzjoni u jgħaddi l-perspettiva tal-ġeneri fil-proċessi li jkunu għaddejjin. Li tqajjem kuxjenza hija wkoll prijorità għal din it-Taqsima hekk kif tagħmel lill-pubbliku ġenerali konxju tal-kwistjonijiet enfasizzati min-nisa, il-minoranzi tal-ġeneru u organizzazzjonijiet oħra bil-għan li tipprovdi soluzzjoni dewwiema. Barra minn hekk, il-GMU tassisti lill-gvern fit-tfassil ta’ politiki, tagħmel użu mir-riżorsi ta’ fondi eżistenti għall-iżvilupp tas-servizzi, tipprovdi taħriġ u tibqa’ attiva fit-tisħiħ tal-komunità.
L-Integrazzjoni tal-Ġeneru hija approċċ użat l-aktar fl-iżvilupp ta’ politika u tieħu f’kunsiderazzjoni l-interessi u l-bżonnijiet kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel.
L-Integrazzjoni tal-Ġeneru tinvolvi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-preparazzjoni, id-disinn, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ politiki, miżuri regolatorji u programmi ta’ nfiq, bil-għan li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u tiġi megħluba l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.
Li tagħraf id-differenzi u l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri waqt il-proċess tal-ippjanar u l-implimentazzjoni jgħin biex tiżdied l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-għan ewlieni tal-integrazzjoni tal-ġeneru huwa li jiġu solvuti u indirizzati l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.
Hawn gwida essenzjali għall-integrazzjoni tal-ġeneru: